Diċembru 2022

Noħolqu dinja fejn kulħadd jista' jħossu milqugħ

Disinn ta' Helen Li

Il-missjoni ta' Airbnb.org hi li nużaw kemm jista' jkun mill-potenzjal li hemm fil-fatt li wieħed joffri l-ispazju, ir-riżorsi u l-għajnuna tiegħu lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli. Imma mhux kulħadd għandu l-istess aċċess għal dar-riżorsi. Huwa għalhekk li impenjajna ruħna li fil-ħidma tagħna ta' kuljum inżommu dejjem f'moħħna d-diversità, il-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà.

L-impenji ewlenin tagħna fil-qasam tad-diversità, il-ġustizzja soċjali, l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà

F'April tal-2021, Airbnb.org ħabbret li qed timpenja ruħha li taħdem favur tliet valuri ewlenin: id-diversità, il-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni. Dawn il-valuri huma s-sisien tar-relazzjonijiet li nibnu man-nies fil-bżonn u mal-Hosts; tas-sħubijiet mal-għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ u l-aġenziji tal-gvern u tal-ħaddiema ta' Airbnb.org.

L-għaqda tagħna impenjat ruħha li:

  1. Nibnu l-ħidma u l-programm tagħha madwar persuni li ġejjin minn komunitajiet emarġinati u li matul l-istorja, minħabba oppressjoni soċjali, kulturali, ekonomika u politika, kellhom aċċess limitat għar-riżorsi.
  2. Naħdmu biex niżguraw li kull persuna li tagħmel użu mis-servizzi ta' Airbnb.org tingħata l-istess kwalità ta' servizzi u postijiet fejn toqgħod.
  3. Nibnu tim varjat u inklussiv, b'nies li ġejjin minn kull rokna tal-ħajja; biex nibdew, sal-aħħar tal-2025, mill-inqas 33% tal-ħaddiema tagħna ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka għandhom ikunu ġejjin minn minoritajiet li ma tantx huma rappreżentati fis-soċjetà.

Fl-2022 għażilna li nżidu wkoll l-aċċessibbiltà bħala valur ieħor li nixtiequ nimpenjaw ruħna għalih u se nkunu qed inżiduh mal-impenn tagħna fl-2023.

Dan huwa kif qed inwettqu l-impenn tagħna

Biex nilqħu l-impenji tagħna f'dawn l-oqsma qegħdin:

  • Naħdmu ma' għaqdiet attivi fil-komunità u għaqdiet mingħajr skop ta' qligħ li għandhom l-istess għan ta' ġustizzja soċjali bħalna. Meta tfaqqa' kriżi, it-timijiet tagħna jippruvaw jaħdmu ma' għaqdiet tal-post li jgħinu lill-komunitajiet emarġinati. Dal-aħħar ħdimna ma' għaqdiet bħal:
    • Each One Teach One li tgħin lill-persuni b'diżabbiltà u lin-nies mingħajr iċ-ċittadinanza Ukrena li kellhom iħallu djarhom minħabba l-gwerra tal-Ukrajna
    • Black Women for Black Lives li sabu postijiet fejn toqgħod bla ħlas lil 2,000 student Afrikan li kienu qed jistudjaw l-Ukrajna
    • ORAM, sussidjarja ta' Alight li għenet lill-persuni LGBTQ+ li ħarbu mill-Ukrajna jsibu post fejn joqogħdu u għajnuna soċjali ġewwa Berlin u bliet Ewropej oħra
  • Nissieħbu ma' wħud mill-aqwa esperti fl-oqsma tal-ġustizzja soċjali u d-diversità biex jgħinuna nifhmu kif sejrin u kif nistgħu ntejbu l-ħidma tagħna marbuta ma' dawn l-impenji. Waħda mill-iktar imsieħba importanti hija We All Count, għaqda li taħdem favur riċerka msejsja fuq il-ġustizzja soċjali. Fl-2022 għenet lil Airbnb.org tmexxi l-ewwel studju tax-xorta tiegħu biex tifhem aħjar l-esperjenzi li għaddew minnhom dawk li fi żmien ta' kriżi sabu post fejn joqogħdu għal ftit żmien grazzi għal Airbnb.org. Grazzi għall-informazzjoni miksuba minn dal-istudju, qed infasslu l-ħidma tagħna b'mod li nkunu nistgħu nkejlu l-impatt tagħha u niżguraw li qed naħdmu biex nilħqu l-impenn li ħadna.
  • Insejsu l-ħidma tagħna fuq filosofiji tad-disinn iffukati fuq il-ġustizzja soċjali. Il-mod ta' kif nirrakkuntaw it-trawmi u l-filosofiji tad-disinn iffukat fuq il-ġustizzja soċjali li nħaddnu jgħinuna naqsmu l-istejjer tal-ħidma li nwettqu, bl-għajnuna tan-nies fil-bżonn li nkunu għenna, tal-Hosts u tal-imsieħba tagħna. Aħna naħdmu magħhom fit-tfassil tar-rakkont, għall-għażla tal-kliem li jintuża u fl-għażla tal-mod kif jixtiequ jintwerew.
  • Niżguraw li anki l-ħaddiema jkunu r-ritratt tal-għanijiet ta' ġustizzja soċjali li nħaddnu. L-għan tagħna hu li sal-aħħar tal-2025, mill-inqas 33% tal-ħaddiema tagħna ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka jkunu parti minn minoritajiet li ma tantx huma rappreżentati fis-soċjetà. Għalina l-minoritajiet li ma tantx huma rappreżentati fis-soċjetà Amerikana huma dawk li jqisu ruħhom parti minn mill-inqas waħda minn dawn ir-razez/etniċitajiet: Indjani Amerikani jew Nattivi tal-Alaska; Suwed jew Afrikani-Amerikani; Ispaniċi jew Latini; Nattivi tal-Hawaii jew nies li ġejjin minn gżejjer oħra tal-Paċifiku.

    Meta ħadna dal-impenn, kellna 19% tal-ħaddiema full-time tagħna li kienu minoritajiet li ma tantx huma rappreżentati fis-soċjetà. Sat-30 ta' Settembru 2022, dawn il-minoritajiet li ma tantx huma rappreżentati fis-soċjetà kienu kibru għal 28% tal-ħaddiema full-time ta' Airbnb.org. Nifhmu x-xogħol ma jaqta' qatt li huwa meħtieġ biex insibu, nżommu u nħarrġu lin-nies li ġejjin minn komunitajiet differenti ħalli nkunu nistgħu ngawdu mill-perspettivi differenti tagħhom u għalhekk se nkomplu nagħtu importanza lill-ġustizzja soċjali aħna u nsibu u nżommu n-nies biex jaħdmu magħna.

Aħna impenjati li noħolqu modi ġodda kif infasslu ħidmietna madwar il-ġustizzja soċjali, inħallu impatt fuq il-komunitajiet li jkunu ntlaqtu minn kriżi u ngħinu tinbena dinja fejn kull persuna tista' tħossha milqugħa u jkollha post fejn tista' tirkupra.

Disinn ta' Helen Li